Snin sħaħ ta’ rwejjaħ ta’ tarmak; “Ma nistgħux niftħu tieqa”
3 snin ta’ appelli mill-Kunsill Lokali tal-Iklin, mir-residenti u familji li filgħaxija qed jispiċċaw ma jistgħux jiftħu tieqa bl-irwejjaħ insapportabbli.
Fuq il-midja soċjali s-Sindku tal-Iklin, Dorian Sciberras sostna li r-riħa tinten u soffokanti ta’ tarmak għadha qed timla’ lill-Iklin u l-madwar – b’insistenza għal dawn l-aħħar jumejn.
Huwa saħaq li din hija sitwazzjoni li ilha għaddejja għal snin sħaħ.
Dan filwaqt li spjega li r-riħa x’aktarx li qed tiġi minn ħidma industrijali ta’ impjant li jipproduċi t-tarmak fil-periferija tal-istess lokalità. Madanakollu insista li l-ERA qed tfarfar mid-doveri tagħha u mhux qed tieħu azzjoni, minkejja l-ilmenti tar-residenti u tal-istess Kunsill Lokali.
Iżda saħaq li mhux l-ERA biss qed issegwi dan l-aġir, iżda kull awtorità oħra involuta.
Dorian Sciberras insista li s-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra hekk u saħaq li l-Ikliniżi għandhom dritt għal kwalità ta’ arja aħjar.