Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Bord ta’ Enemalta jaħtar ċermen eżekuttiv ġdid

Il-Bord tad-Diretturi ta’ Enemalta plc approva l-ħatra ta’ Inġ. Ryan Fava bħala ċ-Ċermen Eżekuttiv ġdid tal-Kumpanija.

Inġ. Fava, li ilu jservi fil-kariga ta’ Ċermen mhux eżekuttiv sa mill-2022, issa se jkun qed imexxi wkoll il-Bord tal-Management tal-Kumpanija, hekk kif tkompli twettaq il-pjan fit-tul għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

“Enemalta għandha futur promettenti quddiemha, hekk kif inkomplu nikkonsolidaw l-infrastruttura tal- elettriku biex nappoġġjaw l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni ta’ Malta,” qal iċ-Ċermen Eżekuttiv ġdid, “għandha żviluppi important quddiemna, fosthom it-tnedija ta’ sistemi t’enerġija rinovabbli offshore bħala sors kruċjali t’enerġija nadifa, iktar investiment f’sistemi ta’ rinovabbli fuq l-art u sistemi ta’ ħażna t’enerġija kbar, interkonnessjonijiet ġodda ma’ pajjiżi oħrajn, kif ukoll l-elettrifikazzjoni tal-vapuri fil-portijiet u t-trasport bil-vetturi.”

“Enemalta qed taċċellera t-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku biex tħejji għal dawn l-iżviluppi, u biex inkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizzi tagħna. Dan l-impenn huwa l-oġġettiv ewlieni tal-Kumpanija għas-snin li ġejjin.”

Inġ. Fava rringrazzja lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona għat-tmexxija tal-operat u l-proġetti infrastrutturali ta’ Enemalta matul dawn l-aħħar sentejn. Wara perjodu ta’ handover fil-ġimgħat li ġejjin, is-Sur Cardona se jkun qed itemm il-ħidma tiegħu ma’ Enemalta biex minflok isegwi opportunità ta’ karriera ġdida.

Inġ. Fava huwa inġinier li studja fl-Università ta’ Malta u Brunel University London. Matul is-snin serva f’diversi rwoli tal-inġinerija fis-settur privat.