Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

SKANDLU SPTARIJIET: Abela jibqa’ ma jġorr ebda responsabbiltà

8 xhur wara li fi Frar il-kuntratti tal-isptarijiet instab mill-Qorti illi kien frawdolenti….kif ukoll jumejn biss wara li l-Qorti tal-Appell sabet li kien hemm kollużjoni bejn l-istess Gvern u l-imsemmija soċjetajiet… il-Prim Ministru Robert Abela għadu bl-aktar mod surreali jiddefendi lil Steward; u jinsisti li dawn “taw lura” lill-pajjiż.

Inevitabbilment l-Erbgħa filgħodu l-ġurnalisti staqsew lil Abela dwar min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà ta’ dan l-iskandlu u meta l-poplu se jara flusu rritornati lura…bil-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li ta’ Steward għamlu l-investiment.

Robert Abela baqa’ jfarfar mir-responsabbiltà hekk kif mistoqsi minn Net News għalfejn, skont il-Qorti tal-Appell, il-Gvern stenna 5 snin biex ġab l-interessi tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox – bil-Prim Ministru jwieġeb li hu ma kellux x’jaqsam fi żmien il-Vitals Global Healthcare.

Dan minkejja li hu, minn Ġunju tal-2017 kien jifforma parti mill-Gvern immexxi minn Joseph Muscat u mhux biss…kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ konsulent legali fil-Kabinett innifsu. Fi kliem sempliċi, kien spalla ma’ spalla ma’ Muscat u kien jaf b’kollox.

Abela minn naħa tiegħu insista li mhux vera li l-poplu ħaqqu l-€400,000,000 lura, iżda mistoqsi kemm hi ċ-ċifra li għandha tingħata lura….huwa naqas milli jwieġeb.

It-Tnejn li għadda, l-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti saħqet li min suppost kellu jħares l-interessi tal-pajjiż ma fittix rimedji oħra minkejja li kien jaf li Vitals ma kienux laħqu ma l-obbligi tagħhom….dan jinkludi lill-Prim Ministru nnifsu li, minflok ħa azzjoni, kompla jagħti l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lill-kontinwazzjoni tagħhom – ċioè lil Steward.

Intant, filwaqt li Abela ammetta li Steward ma laħqux ma l-obbligi tagħhom, fost oħrajn fl-Isptar San Luqa li tħalla fi stat delapidat…huwa insista li kien il-Gvern li ħa lura t-tliet sptarijiet – fatt skorrett.

Il-verita hi, illi wara li tħabbret is-sentenza tal-Imħallef Franceco DePasquale grazzi għall-ħidma tad-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia….u l-kuntratti tal-isptarijiet instabu li kienu frawdolenti…fis-16 ta’ Marzu – kienu Steward nfushom li temmew il-konċessjoni….u kien biss f’dan il-punt li l-Gvern Laburista beda jieħu forma ta’ azzjoni. Dan filwaqt li ironikament Abela, wara dan kollu, baqa’ jinsisti li l-Governanza f’pajjiżna taħt it-tmexxija tiegħu sejra tajjeb.

Intant mistoqsi min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà għal dan kollu – Robert Abela sostna li l-individwu li ssemma mill-Qorti diġà refa’ responsabbiltà politika u tkeċċa mill-Partit Laburista – referenza għall-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru Konrad Mizzi, għalkemm staħa jsemmi ismu.
B’Net News jistaqsi jekk hux qed jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jieħu azzjoni fil-konfront tiegħu.