Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Messiku: Poplu fuq allert għall-Uragan ‘Otis’

L-awtoritajiet fil-Messiku wissew dwar l-impatt tal-Uragan ‘Otis’ li qed javvanza mir-resort turistiku popolari ta’ Acapulco fost l-irwiefen b’veloċità ta’ 270 kilometru fis-siegħa.

L-istess awtoritajiet ma  jeskludux il-potenzjal tal-valangi tal-art ‘imminenti’ fost ħalbiet tax-xita qawwija fuq il-komunitajiet mal-kosta lejn in-nofsinar tal-Messiku.

Madankollu, hemm anki tamiet li l-uragan  jitlef mis-saħħa aktar ma javviċina ċ-ċentru tal-Messiku – bl-awtoritajiet xorta javżaw lin-nies biex ma jieħdu l-ebda ċans fost l-elementi.

Ir-rapporti qalu li r-residenti fil-belt ta’ Colima, xi 600 kilometru ‘il bogħod minn Acapulco, ħassew l-art tirtogħod daqslikieku milquta minn xi terremot u li mijiet ta’ turisti baqgħu magħluqin fil-lukandi taz-zona huma u jistennew it-tmiem tal-maltemp.

It-twissija dwar l-uragan baqgħet effettiva tul medda territorju bejn l-ibliet tal-kosta ta’ Zihuatenejo u Punta Maldonado, fl-Istat Messikan ta’ Guerrero.

Il-maltemp minn ‘Otis’ anki kaġuna l-problemi għas-servizzi tad-dawl fi Guerrero, bl-iskejjel tal-Istat ma jiftħux bħala prekawzjoni.

Is-servizzi Messikani għall-emerġenzi qed jistennew mewġ tal-baħar b’tul ta’ għaxar metri mal-kosta ta’ Guerrero kif ukoll fl-Istat ta’ Oaxaca u (anki) fost il-possibbiltà kbira tal-valangi.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Messiku, Manuel Lopez Obrador, ħeġġeġ biex in-nies isibu l-kenn ‘malajr’ qalb ix-xelters ta’ emerġenza u biex huma jabbandunaw l-inħawi qrib tax-xmajjar u li jmissu mal-baħar.