Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Kapijiet tal-Ħamas immarkati għall-mewt wara l-massakri tal-familji

Iżrael qed jimplimenta diġà il-wiegħda biex jelimina lill-Kapijiet tal-grupp terroristiku Ħamas li kienu strumentali fil-massakri tal-mijiet tan-nisa, irġiel u trabi waqt l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet tal-Iżraeljani ‘il hinn minn Gaza.

Il-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li rnexxielhom joqtlu lil Abdel Alrahman, il-viċi-kap ta’ battaljun tal-Ħamas u li fis-7 ta’ Ottubru kien mexxa personalment attakk terroristiku li ħalla ‘il fuq minn 100 ċivili mejtin qalb il-komunità Iżraeljana ta’ Be’eri.

Alhrahman inqatel waqt rejd tal-ajru mill-Iżraeljani fuq lokalitajiet f’Gaza markati bħala bażijiet tal-Ħamas – u li fihom inqatlu wkoll żewġ kmandanti oħra tal-grupp terroristiku, identifikati bħala Khalil Tatri u Khalil Muhajez.

Il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani kienu damu s-sigħat jiġġieldu mat-terroristi tal-Ħamas qabel ħadu lura l-kontroll f’Be’eri u fejn sabu familji sħaħ massakrati – bil-katavri jispiċċaw imbiċċra u maħruqin mill-aggressuri. Il-vittmi kienu jinkludu trabi li nstabu maqtula fil-kmamar tagħhom u anki f’nursery li ngħatat in-nar mit-terroristi.

Fil-fatt, il-komunità ta’ Be’eri kienet fost l-aħħar zoni li spiċċaw liberati mit-terroristi wara li kienet ilha taħt il-kontroll tal-Ħamas għal 48 siegħa.

Il-qawwiet Iżraeljani issa qed jikkonċentraw fuq moħbiet oħra tal-Kapijiet tal-Ħamas, flimkien mal-faċilitajiet u ċ-ċentri tal-kmand tat-terroristi f’Gaza.

Fl-aħħar sigħat kien anki konfermat li terrorista ieħor ewlieni –Ayman Nofal, li kien imexxi lill-fergħa tal-Brigati ta’ Izz el Deen Al Qassam – spiċċa maqtul fost attakki tal-Iżraeljani fuq il-kamp ta’ Bureij, fiċ-ċentru ta’ Gaza.  Rapporti oħra mhumiex ikkonfermati qalu li l-Iżraeljani eliminaw ukoll lil xi membri tal-Ħamas li snin ilu kienu negozjaw għall-iskambju ta’ priġunieri ma’ Iżrael.

Il-Gvern Iżraeljan u l-ogħla tmexxija tal-Armata Iżraeljana, fl-aħħar sigħat irrepetew li l-Kapijiet ewlenin tal-Ħamas se jispiċċaw kollha ‘ġustizzjati’ għat-terrur storiku ta’ dan ix-xahar u li ‘l-ebda terrorista tal-grupp mhu se jħossu sikur għall-kumplament ta’ ħajtu.’