Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Deputati Laburisti infurjati għat-tberbiq bl-addoċċ ta’ Clayton Bartolo mill-MTA mit-taxxi tagħna

Jakkużaw lil Robert Abela li mhu jagħmel xejn quddiem dawn l-iskandli għaliex meta kien dahru mal-ħajt l-istess Clayton Bartolo kien ħareġ għonqu għalih.

Deputati Laburisti tat-Tmien Distrett Elettorali u oħrajn tat-Tnax-il Distrett Elettorali huma infurjati u rrabjati għall-mod kif il-Ministru Clayton Bartolo – li hu politikament responsabbli mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) – qiegħed jissokta jberbaq flus l-istess Awtorità Maltija għat-Turżmu (ċioè flus il-poplu) biex jieħu direttament vantaġġ politiku għall-interessi personali tiegħu.

Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li Clayton Bartolo qiegħed jagħmilha bl-aktar mod sfaċċat li jonfoq flok mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex litteralment jinvesti f’għaqdiet u f’inizjattivi fil-lokalitajiet li jiffurmaw kemm it-Tmien Distrett Elettorali u anki t-Tnax-il Distrett Elettorali u dan bi żvantaġġ għall-istess suppost kollegi Deputati Laburist l-oħra f’dawn iż-żewġ Distretti Elettorali rispettivi.

Milquta direttament fuq it-Tmien Distrett Elettorali hemm il-Membri Parlamentari Clyde Caruana u Randolph de Battista flimkien ma’ Edward Zammit Lewis, li jiddeskrivu l-ħniżrijiet li qiegħed jagħmel Clayton Bartolo bħala abbużi fil-veru sens tal-kelma u b’Robert Abela inkompetenti għalkollox milli jieqaf għal dawn l-abbużi.

Imbagħad milquta direttament fuq it-Tnax-il Distrett Elettorali hemm Jonathan Attard u Michael Farrugia li meta kien Ministru wkoll jaf kif titħanżer u tabbuża fis-sensi li qed jitħanżer u jabbuża fihom il-Ministru Clayton Bartolo li fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sab bir bla qiegħ u hekk qiegħed jagħmel il-gwadanji kollha possibbli.

Lil hinn mill-iskandi tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li dwarhom għad trid tingħata ħafna spjegazzjoni u xi ħadd għad irid jagħmel tajjeb għal dan is-serq ta’ tberbieq ta’ flus, Clayton Bartolo qiegħed jurta lis-suppost kollegi Deputati sħabu għaliex mhux jagħtihom ċans jimmilitaw u jaħdmu fl-istess Distretti Elettorali.

Isemmulek dawn id-Deputati Laburisti, kif Clayton Bartolo ma ddejjaq xejn jidħol fuq Infrastruttura Malta fi proġett bħall-Pjazza tal-Mellieħa, il-parkeġġ tal-Għadira, il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar… grazzi għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu li hi mmexxija minn persuni li mhux kapaċi jieqfu għall-ordnijiet sfaċċati u abbużivi tal-istess Ministru.

Naturalment Clayton Bartolo – grazzi għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – biex jipprova jiddevja u jaljena l-attenzjoni tan-nies minn fuq l-isponsorships lill-Manchester Uniti u li aħna m’għandna assolutament xejn fil-konfront tagħhom – issa qiegħed jipprova jagħti sponsors oħrajn lil organizzazzjonijiet u lil soċjetajiet oħrajn barranin… fosthom lit-tim taċ-ċikliżmu tal-Vatikan b’għotja ta’ xejn inqas minn €30,000 fis-sena!

Barra minn hekk ftit tal-ġimgħat ilu l-istess Awtorità Maltija għat-Turiżmu nefqet xejn inqas minn €1.7 miljun fi sponsorship għal tournament organizzat minn Newcastle… liema nefqa kienet deskritta minn bosta bħala manifestazzjoni ta’ ħala ta’ flus! Imma naturalment dan kollu jsir bi ħsieb kbir u dejjem biex Clayton Bartolo jingħata l-pubbliċità u jidher.