“Ir-rappurtaġġ ta’ The Sunday Times of Malta llum jikxef fid-dettall kif sistema burokratika li suppost b’mod ġust tagħti liċenzja tas-sewqan lil min juri li hu kompetenti jsuq il-karozza ġiet korrotta biex jinxtraw il-voti jew biex jiġu ppremjati dawk leali lejn il-gvern.”
Sostniet dan l-Għaqda Repubblika fejn ġie spjegat li l-investigazzjoni tiddokumenta korruzzjoni istituzzjonalizzata fejn ministri tal-gvern u uffiċjali magħżulin minnhom jew li jaħdmu mill-qrib magħhom indaħlu direttament biex dawk li jridu jaqdu, u fejn hu possibbli tingħalaq għajn jew tnejn ħalli min suppost jeħel mill-eżami jgħaddi xorta.
“Biex iżommu l-poter tagħhom il-politiċi f’dan il-każ urew rwieħhom perfettament disposti jqegħdu ‘l kulħadd f’periklu ċar fit-toroq.”
Repubblika saħqet li l-investigazzjoni turi wkoll li mijiet ta’ persuni jippretendu li jaqbżu l-kju jew li jgħaddu minn eżami li mhumiex lesti għalih għax għandhom aċċess għall-ministru.
“Din turi kultura korrotta li għandha egħruq fondi fis-soċjetà tagħna. Għal ħafna nies il-kju u l-eżami qegħdin hemm għaċ-ċwieċ jew għal dawk tal-partit l-ieħor. Għalihom hemm il-ministru.”
Huma saħqu li bħal f’kull skandlu ieħor ta’ korruzzjoni sistemika il-pulizija aġixxiet kontra numru żgħir ta’ persuni b’sehem limitat fi skema u għalqet għajnejha għall-involviment ta’ ministri u uffiċjali fl-istaff tagħhom. Dan filwaqt li insistew li l-pulizija stess tikkontribwixxi għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-korruzzjoni.
“Il-korruzzjoni ma vvinttahiex dan il-gvern. Iżda hu dan il-gvern li hu responsabbli għall-għemil evidenzjat mill-investigazzjoni ppubblikata llum. Il-mod kif fit-tweġibiet tagħhom il-ministru Ian Borg iġġustifika l-indħil tiegħu biex ħbiebu ma jistennewx meta kien imisshom u ma jiġux eżaminati bħal ħaddieħor hu verament inkwetanti. Mhux talli ma jiċħadx li ndaħal, talli jiftaħar li l-bibien tiegħu dejjem miftuħa għal min irid xi pjaċir.”
Repubblika spjegat li daqstant ta’ tħassib hija t-tweġiba tal-Prim Ministru Robert Abela li minkejja li kkonfrontat bi provi li uffiċjali fl-uffiċju tiegħu rranġaw biex min ma ħaqqux jieħu l-liċenzja tas-sewqan, Abela ddikjara li hu ma jagħmel xejn jekk il-Pulizija ma tagħmel xejn.
“Hu ċar għalhekk li mhux talli m’hemmx rieda politika li nitnaddfu mill-korruzzjoni, talli l-partit fil-gvern għandu l-politika ddikkjarata li akkost ta’ periklu ċar għas-saħħa u s-sigurtà pubblika, iwettaq l-inġustizzja li jaqdi lil min jivvutalu bi skapitu għal ħaddieħor.”
Għaldaqstant Repubblika insistiet li pajjiżna jeħtieġ li jitnaddaf u sabiex jiġri dan il-pulizija għandha twettaq dmirha u ma tħares lejn wiċċ ħadd. Jekk Ministru jbagħbas eżami meħtieġ bil-liġi biex jagħmel pjaċir lil xi ħadd, il-Ministru għandu jiġi kkastigat daqs li kieku għin mhux bis-sewwa…għalih innifsu.
Dan filwaqt li insistew li l-istruzzjonijiet politiċi lid-dipartimenti u l-aġenziji tal-gvern għandhom isiru biss skont il-proċedura u mhux b’messaġġi fuq WhatsApp u messaġġi sigrieti lill-galoppini impjegati fid-dipartimenti. Il-ministri li jiksru dawn ir-regoli għandhom jitkeċċew.
“Il-klassi politika għandha tmexxi bl-eżempju u tagħlaq il-bieb għal min mhux ifittex id-drittijiet tiegħu imma jfittex il-pjaċir biex jinkisru r-regoli għalih.”
Repubblika spjegat li neħtieġu edukazzjoni kulturali, kuxjenza kollettiva li tistmerr il-korruzzjoni. Għandna bżonn inħossu mistħija meta ninqabdu naqbżu l-kjù jew nippretendu li ningħataw dak li ma ħaqqniex.
“Irridu diskussjoni u sforz nazzjonali biex nindirizzaw u neradikaw il-korruzzjoni mill-istituzzjonijiet u l-kultura ta’ Malta. U min inqabad b’din l-investigazzjoni ġurnalistika, bħall-ħafna li nqabdu b’investigazzjonijiet ġurnalistiċi f’dawn l-aħħar snin, għandu minnufih jinġiegħel iħallas t’għemilu.”