Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

“Flimkien biss nistgħu noħolqu nazzjon li kulħadd jista’ jkun kburi bih” – Bernard Grech

“Flimkien nistgħu nibnu futur fejn il-ħolm ta’ kull ċittadin isiru realtà – Partit Nazzjonalista fil-Gvern huwa garanzija ta’ progress, prosperità u opportunità.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif kien qiegħed jindirizza l-preżentazzjoni tal-istħarriġ tal-EY f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fejn insista li pajjiżna preżentament jinsab f’salib it-toroq u huwa d-dover tan-nazzjon li nwasslu lil dan il-pajjiż għal futur aħjar.

Għaldaqstant huwa insista li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu hija attenzjoni assoluta fuq iċ-ċittadin, fejn l-integrità, l-innovazzjoni u sostenibbiltà tal-ekonomija tkun ta’ importanza assoluta.

Bernard Grech saħaq li huwa imperattiv li tiġi restawrata l-integrità u r-reputazzjoni – dan permezz ta’ ġlieda kompleta u sħiħa fil-konfront tal-korruzzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li huwa ċar li hemm bżonn strateġija ekonomika ġdida, li dan il-pajjiż jeħtieġlu mudell ekonomiku ġdid mill-aktar fis possibli. Minflok l-ekonomija tal-kwantità hemm bżonn tal-ekonomija tal-kwalità, innovazzjoni u kreatività.

Bernard Grech sostna li l-prijorità assoluta għandha tkun ħadd ħlief il-poplu; l-edukazzjoni u s-saħħa tan-nies – il-benesseri tal-pedamenti tas-soċjetà tagħna.

Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista dwar id-determinazzjoni li tiġi salvagwardata d-demokrazija tal-pajjiż – sabiex kull ċittadin isemma leħnu…u jiġi rispettat.

Huwa temm jgħid li flimkien nistgħu noħolqu Malta li kulħadd ikun kburi biha – nazzjon ta’ integrità, valuri b’saħħithom, u mudell ekonomiku li jwassal prosperità għal familji Maltin u Għawdxin.