Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iddikjara fil-parlament li fil-ftehim dwar l-isptarijiet kien hemm affarijiet li saru minn wara dahru.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Prim Ministru qal li din is-sena l-gvern se jħallas €70 miljun tas-servizz mediku; l-istess ammont li kien iħallas lil Steward. Hu sostna li Steward kellhom iġibu t-turiżmu mediku iżda ma ġabuhx waqt li kellhom jibnu wkoll l-isptarjiet, xi ħaġa oħra li ma wettquhiex.
Għal dawn l-isptarijiet ġodda, il-gvern ma kienx obbligat li joħroġ flus. Għalhekk il-gvern qed ifittex kumpens mingħand Steward għax dawn kellhom jitħallsu mit-turiżmu mediku li ma ġiex. Kien hemm affarijiet li saru minn wara dahri; dan ma sarx minn wara dahri, sostna Chris Fearne.
Adrian Delia qal li f’wieħed mir-rapporti tiegħu l-Awditur Ġenerali qal li bejn l-2016 u l-2021, il-gvern ħallas €250 miljun lil Steward minbarra €188 miljun f’salarji. Fis-sentejn ta’ wara r-rapport fil-budget kien hemm miljuni oħra lil Steward li jammontaw għal €400 miljun.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li Steward taw is-servizz tagħhom u ċ-ċifri jinkludu l-pagi iżda l-flus li l-gvern iħallas m’humiex il-pagi biss. L-Awditur Ġenerali qal li l-Ministeru tas-Saħħa kien attent li dak li tħallas għalih f’Għawdex, fil-fatt ingħata. Il-gvern issa qed ifittex lil Steward għall-isptarjiet li ma nbnewx, sostna Chris Fearne.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa min fejn toħroġ li l-parlament m’għandux id-dritt u d-dover ikun jaf kemm hi t-talba li l-gvern qed jagħmel fil-konfront ta’ Steward. Mhux veru li l-gvern fetaħ it-talba kontra Steward iżda kienu Steward li fetħu l-kawża. Hu staqsa wkoll jekk it-talba li qed jagħmel il-gvern hix biss li Steward iħallsu l-€100 miljun tal-kuntratt addizzjonali li kien għamel l-ex ministru Konrad Mizzi. Il-gvern għandu d-dover li jgħid kemm qed jitlob lil Steward jekk mhux €400 miljun, sostna Beppe Fenech Adami.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-partijiet iridu jżommu l-kunfidenzjali skont ir-regoli tal-Arbitraġġ Internazzjonali għakemm l-ammont hu ħafna iktar milli “qed taħseb inti”.
Aktar tard matul id-dibattitu id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel kjarifika dwar il-pagi tal-ħaddiema tal-isptarijiet u qal li xtaq jikkoreġi informazzjoni li kien ta iktar kmieni.
Hu qal li l-ammont ta’ €75 miljun minfuqa fl-isptarijiet jinkludu biss il-pagi ta’ dawk li kienu impjegati minn Steward. Il-maġġoranza kbira tal-ħaddiema tal-gvern li kienu taħt Steward jitħallsu minn vot separat, sostna Chris Fearne.