Raġel ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi ġie arrestat wara sejba ta’ ‘il fuq minn 2kg droga.
Huwa ġie arrestat is-Sibt filgħodu għall-ħabta tas-6:30 wara li tfittxija li saret fil-karozza tiegħu rriżultat f’sejba ta’ numru konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga lesti biex jinbiegħu, kif ukoll tliet mobile phones.
Sussegwentement, il-Pulizija għamlu wkoll tfittxija f’residenza tar-raġel f’Ħal Luqa fejn moħbija nstabu madwar żewġ kilos sustanza suspetta droga eroina u madwar nofs kilo sustanza suspettata kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga inbiegħet kien ilaħħaq madwar €130,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia ġiet infurmata u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Intant, ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq l-Qorti fil-jiem li ġejjin.