Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Hibernians kontra Birkirkara fl-ewwel konfront tar-raba’ ġurnata

Wara li t-timijiet tal-Kampjonat Premier kienu mpenjati f’nofs il-ġimgħa, illum jingħata bidu għar-raba’ ġurnata, bl-ewwel partita tista’ wkoll titqies bħala l-partita tal-ġimgħa, dik bejn Hibernians u Birkirkara.Partita oħra interessanti għandha tkun dik bejn Balzan u wieħed mil-leaders, Floriana. Illum jintlagħabu żewġ partiti filwaqt li l-ħames konfronti l-oħra jintlagħabu kollha għada l-Ħadd, bl-ewwel wieħed ikun fil-11am bejn Floriana u Balzan. Wara dan il-programm ta’ logħob, il-kampjonat jieħu pawża ta’ tliet ġimgħat minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti.

Hibernians vs Birkirkara Illum, fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali

Il-partita l-aktar mistennija fi tmiem il-ġimgħa hija dik bejn Hibernians u Birkirkara, konfront li milli rajna s’issa minn dawn iż-żewġ timijiet, tista’ tkun waħda bilanċjata u missielta. Żewġ timijiet li naqsu milli jirbħu f’nofs il-ġimgħa, b’Hibernians megħluba minn Floriana filwaqt li Birkirkara ħadu punt mill-konfront kontra Valletta. Wara bidu mill-aqwa, b’żewġ rebħiet kontra Gżira u Santa Lucia rispettivament, l-iskwadra mmexxija mnn Branko Nisevic sofriet telfa ta’ 2-0 kontra Floriana, it-tim li milli rajna s’issa jidher li se jkun qed jisfida għall-unuri. Birkirkara minn naħa l-oħra, s’issa kienu wieħed mid-diżappunti, fejn minn tliet logħbiet rebħu biss waħda, filwaqt li tilfu u draw fit-tnejn l-oħra. Filwaqt li Hibernians iridu jikkonfermaw li t-telfa kontra Floriana kienet biss telfa kontra wieħed mill-aqwa timijiet dan l-istaġun, Birkirkara hemm bżonn li jerġgħu isibu l-forma li kellhom l-istaġun li għadda biex ma jibdewx jinqatgħu minn ma’ ta’ fuq.

Fl-aħħar konfront bejn it-tnejn, Birkirkara kisbu rebħa dominanti ta’ 5-0.

Il-programm qasir tas-Sibt jagħlaq bil-konfront bejn Valletta u Mosta, żewġ timijiet oħra li ma’ rebħux fl-aħħar ħarġa tagħhom, bil-Beltin jakkwistaw punt fl-aħħar minuti kontra Birkirkara filwaqt li Mosta sofrew telfa ta’ 3-0 kontra Sliema Wanderers. Wara diversi staġuni fejn iddiżappuntaw, s’issa Valletta għandhom erba’ punti bil-konsistenza jidher li qed tkun il-problema għall-iskwadra mmexxija minn Thane Micallef. Il-Beltin għandhom numru ta’ barranin ġodda fl-iskwadra li jidher li għad iridu jsibu sieqhom fl-ambjent Malti bit-tama li t-tim jibda jieħu l-frott. Mosta wkoll bdew fuq sieq ħażina jekk tikkumpara l-forma mill-aqwa li kellhom l-istaġun li għadda fejngħadhom ma rreġistraw l-ebda rebħa, fejn minn tliet logħbiet kisbu biss żewġ punti. Fl-aħħar ħarġa Mosta sofrew telfa ta’ 3-0 kontra n-neo promossi Sliema Wanderers, f’partita li minkejja r-riżultat, Mosta ma kienux daqsekk ħażin fejn anke laqtu l-lasti darbtejn qabel ma nfetaħ l-iskor. L-aħħar logħba fl-istaġun li għadda bejn Valletta u Mosta spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.

Balzan vs Floriana Għada, fil-11am fl-Istadium Nazzjonali 

Logħba oħra interessanti mir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik bejn Balzan u Floriana, żewġ timijiet li jistgħu jkunu ta’ sfida għaċ-champions Ħamrun Spartans. Balzan ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi wara li tilfu fl-ewwel logħba kontra Ħamrun filwaqt li Floriana rebħu tlieta minn tlieta u bħal Ħamrun għandhom punti massimi. Minkejja rebħiet fl-aħħar żewġ konfronti kontra Gżira u Santa Lucia rispettivament, għall-iskwadra li jipposedu, Balzan għandhom ħafna fejn jitjiebu, u biex ikunu ta’ sfida għal tim fil-forma bħalma huwa Floriana, Balzan iridu jżidu fil-logħob tagħhom u jkunu aktar konvinċenti speċjalment fl-attakk, fejn s’issajidher li qed jinħass in-nuqqas ta’ Angel Torres. Floriana minn naħa l-oħra kienu dejjem konvinċenti fit-tliet rebħiet li akkwistaw fejn skorjaw 8 u ma sofrew l-ebda gowl. Barra minn hekk Floriana lagħbu ma’ avversarji validi, bl-aħħar żewġ partiti jkunu kontra Birkirkara u Hibernians rispettivament u dan se jkun it-tielet tim hekk imsejjaħ iebes mill-ewwel erba’ logħbiet tal-kampjonat. 

Balzan rebħu l-aħħar logħba kontra Floriana 3-1 l-istaġun li għadda.

Naxxar Lions vs Santa Lucia Għada, fit-3pm fl-Istadium Nazzjonali

Partita bejn l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika, żewġ timijiet li jidher li se jkollhom staġun diffiċli, bl-isfida tagħhom se tkun simili, dik li jsalvaw posthom mal-kbar tal-futbol Malti. Wara żewġ telfiet ta’ 5-1 u 4-0 kontra Marsaxlokk u Ħamrun rispettivament, fl-aħħar logħba Naxxar kisbu punt fl-aħħar minuti tal-partita kontra Gżira United permezz ta’ gowl tal-akkawist il-ġdid u eks Pietà Hotspurs Takuma Yamaguchi, b’dan ikun l-ewwel gowl Naxxari dan l-istaġun. Mill-banda l-oħra tliet telfiet għal Santa Lucia, li l-mistoqsija li ħafna qed jistaqsu hi, jistgħu s-Saints għat-tielet staġun konsekuttiv jiskappaw ir-relegazzjoni? Jidher li dan l-istaġun meta wieħed jikkunsidra li se jkunu erbgħa t-timijiet relegati, Naxxar u Santa Lucia għandhom biċċa xogħol iebsa ħafna biex isalvaw.

Sirens vs Ħamrun Spartans Għada, fit-3pm fit-Tony Bezzina Stadium

Sirens huwa tim ieħor li għadu bla rebħa dan l-istaġun u bħal Naxxar u Gżira, it-tim minn San Pawl il-Baħar għandu biss punt minn tliet logħbiet. Bla dubju li din il-logħba hija waħda mill-aktar diffiċli għalihom hekk kif se jaffaċċjaw liċ-champions renjanti Ħamrun Spartans. L-aħjar prestazzjoni ta’ Sirens s’issa waslet fi draw ta’ 1-1 kontra Mosta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iżda nhar l-Erbgħa kontra Marsaxlokk sofrew telfa ta’ 3-1, it-tieni żelqa mill-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat. Ħamrun, bħal Floriana għandhom punti massimi, u bħal Floriana wkoll skorjaw 8 gowls mingħajr risposta. Minkejja r-riżultati miksuba s’issa mill-Ispartans, xorta waħda għadu jinħass xi ftit it-tluq ta’ Matthew Guillaumier minn nofs il-ground, b’Elionay Freitas li qed jitjieb minn logħba għall-oħra f’dan l-istess rwol iżda għadu ma laħaqx il-livell li kien joffri l-Guli. L-aħħar konfront bejn it-tnejn spiċċa f’rebħa ta’ 3-0 għall-Ispartans.

Sliema Wanderers vs Marsaxlokk Għada, fil-5pm fit-Tony Bezzina Stadium

Żewġ timijiet li kellhom bidu tajjeb dan l-istaġun bla dubju huma Sliema Wanderers, li fir-ritrorn tagħhom fil-Kampjonat Premier kisbu 6 punti minn tliet logħbiet, bl-unika telfa s’issa tkun dik fl-ewwel logħba, telfa minima ta’ 1-0 kontra Birkirkara. Sliema għamlu numru ta’ akkwisti fis-sajf bl-aktar wieħed li sa issa qed ikun utli huwa l-attakkant Sloven Vito Plut, li skorja tliet gowls minn daqstant partiti. Seba’ punti fl-ewwel tliet partiti tal-Kampjonat Premier. Għas-sorpriża ta’ bosta, Marsaxlokk FC temmew it-tielet ġurnata ta’ partiti, waħedhom fit-tielet post tal-klassifika u l-prestazzjonijiet tagħhom s’issa jawguraw tajjeb għall-bqija tal-istaġun.

F’nofs il-ġimgħa huma għelbu lil Sirens 3-1, wara li fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet waqqgħu l-ewwel punti tagħhom fil-Kampjonat wara draw ta’ 1-1 kontra Gudja United. Fl-ewwel partita tal-Kampjonat huma rebħu 5-1 kontra Naxxar Lions biex fetħu l-istaġun tagħhom bil-kbir.

Iżda jekk wieħed iżomm f’moħħu l-investiment u l-akkwisti li dan il-klabb, taħt il-Presidenza ta’ Frank Cachia, għamlu matul is-sajf, allura wieħed bir-raġun jistenna li f’dan il-Kampjonat Premier, Marsaxlokk jistgħu jmorru aħjar mill-istaġun preċendenti.

Fl-aħħar nett, fl-aħħar parttia tal-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali, Gudja United jiltaqgħu kontra Gżira United, f’konfront bejn żewġ timijiet li apparti li għadhom bla rebħa, il-prestazzjonijiet tagħhom kienu deludenti. Gudja, li neħħew bosta plejers u akkwsiaw ftit li xejn, fl-aħħar logħba sofrew telfa ta’ 3-0 kontra Ħamrun, iżda minbarra r-riżultat, il-prestazzjoni kienet waħda fjakka wisq u r-reazzjoni ma waslet qatt. Wieħed jista’ jbassar, li jekk il-prestazzjonijiet ma jitjiebux fil-futur qarib, Gudja se jkunu qed jisseiltu għas-salvzzjoni, bir-riskju li jirritornaw fiċ-Challenge League wara ħames staġuni fl-ogħla diviżjoni. Staġun diffiċli għal Gżira United li s’issa tilfu tnejn u waħda draw u bla dubju li qed jinħass in-nuqqas ta’ diversi elementi importanti li kellhom il-Maroons. Tliet punti huma l-uniku objettiv li għandu jkollhom Gżira għal dan il-konfront bit-tama li mbagħad il-waqfa tan-nazzjonal isservihom biex janalizzaw sew x’qed imur ħażin u għaliex mhux jinlaħaq il-livell li kienu qed juru fil-logħob tal-Ewropa ftit tal-ġimgħat ilu.

L-aħħar darba li ltaqgħu dawn iż-żewġ timijiet, il-logħba spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.