Numru ta’ persuni nġabru fi Pjazza Kastilja għal rally favur li jkun hawn l-aċċess għall-abort f’pajjiżna fejn it-tema ta’ din is-sena kienet ‘l-istigma tal-abort’.
Din il-mixja saret fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali għall-aċċess sigur tal-abort bit-titlu “Kulħadd iħobb lil xi ħadd li għamel abort.”
Wara t-tluq minn Pjazza Kastilja r-rally għadda minn diversi toroq tal-belt fejn ġie fi tmiemu quddiem il-Qorti. Wara r-rally kien hemm diversi diskorsi minn attivisti kollha b’appell wieħed li l-abort għandu jġi dekriminalizzat, normalizzat u li jsir disponibbli u aċċessibbli lokalment.
Waqt id-diskorsi intqal li kull sena, mijiet ta’ individwi f’Malta jagħmlu l-abort fejn huma saħqu li kull wieħed u waħda minnha nafu lil xi ħadd li xi darba għamel abort.
Huma saħqu li n-nies li jagħmlu l-abort m’għandhomx jiġu ġġudikati jew kriminalizzati. Ir-residenti kollha ta’ Malta ħaqqhom li jiġu trattati b’rispett u li jkollhom l-awtonomija sabiex jiddeċiedu x’inhu l-aħjar għalihom, għal ġisimhom u għal ħajjithom.
Huma fakkru li sa ftit xhur ilu biss f’Malta, mara ġiet imħarrka talli għamlet abort hekk kif din ġiet irrappurtata mis-sieħeb abbużiv tagħha, u l-istat għen biex ikompli ċ-ċiklu tal-vjolenza.
Ir-rally kien organizzat mill-koalizzjoni Voice For Choice – L-għażla tagħha li hija magħmula minn 14-il organizzazzjoni u grupp.