Malta
This article was added by the user . TheWorldNews is not responsible for the content of the platform.

Konferma li l-Air Malta se tagħlaq darba għal dejjem

Nhar it-Tnejn li ġej huwa mistenni li titħabbar linja nazzjonali tal-ajru ġdida bl-isem KM Malta Airlines plc – konferma oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela falla kompletament fejn tidhol il-linja nazzjonali, u se jibqa’ mfakkar bħala l-Prim Ministru illi għalaq l-AirMalta

Din l-aħbar ġiet żvelata fit-Times of Malta fejn intqal li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana mistenni li jħabbar il-linja tal-ajru ġdida permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet. Għalkemm Net News ilu xhur sħaħ illi żvela dan il-pjan tal-Gvern li tinħoloq linja oħra flok l-Air Malta.

Kollox jindika li l-impjegati tal-kumpanija se jkollhom tranżizzjoni mill-AirMalta għal-linja tal-ajru l-ġdida; f’mossa simili għal dak li kienet għamlet l-Italja snin ilu meta għalqet il-linja tal-ajru Alitalia u minflok fetħu il-kumpanija ITA.

Il-kumpanija Air Malta ilha snin sħaħ sejra lura fejn fl-2021 il-Ministru Clyde Caruana kien qal li l-kumpanija qed titlef madwar €170,000 kuljum sempliċiment biex topera l-ajruplani. Dan minkejja li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien jiftaħar li l-Air Malta qed tagħmel profitti.

Sal-2012, taħt Gvern Nazzjonalista, l-linja nazzjonali tal-ajru kellha pjan ċar ta’ irkupru – maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. Iżda issa ħdax-il sena wara, u wara 10 snin taħt amministrazzjoni Laburista l-Air Malta se jkollha tagħlaq. Bil-ħolma tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff spiċċa qeridha l-partit tiegħu stess – ħamsin sena wara.